idjoma.mt għadu qed jinbena

idjoma.mt

idjomi Maltin

L-affarijiet

Idjomi brabta ma oġġetti, kunċetti u ideat.

sar bażina

L-ikel (l-aktar l-għaġin) sar tgħaffiġa jew tgħassida, qisu bżieq.

bastun

Bniedem li tista’ tafdah, li tista’ toqgħod fuqu.

bassa

Bniedem li jrid jindaħal u jiddeffes f’kollox.

ta’ barra minn hawn u seba’ ħarat

Tingħad għal xi ħaġa li tkun tibża’ biża’ kbir minnha eż. Għal Toni l-idea li jmut hija ta’ barra minn hawn u seba’ ħarat. Ħarat huwa l-plural ta’ ħara, li tfisser viċinat.

tari baqta

Tari ħafna. Baqta tfisser ħalib magħqud meta jiżdiedlu t‑tames, jiġifieri likwidu li jittieħed mill‑istonku tal‑ħrief u jitħallat mal‑ħalib biex jagħqad. Minn dan il‑proċess jiġi prodott il‑ġobon.

qagħad bank

Dak li waqt xi logħba jieħu ħsieb tal-flus eż. waqt Monopoly.

sħun banju

Sħun sal-livell it-tajjeb, la sħun wisq u lanqas kiesaħ wisq.

qisu bandiera

Bniedem li l-ħin kollu jbiddel fehmtu jew ħsibijietu.

bil-bandiera

Tingħad għal min ikun fuq quddiem qed imexxi xi grupp ta’ nies.

ħassu balzmu

Ħass xi ħaġa tagħmillu ħafna ġid, daqslikieku balzmu.

bil-ballu

Tingħad lil min jgħidilna li jrid jagħmel xi ħaġa biex inwissuh li diffiċli ħafna jagħmilha.

għamel balbuljata

Għamel tgħaffiġa sħiħa, gerfex kollox, mar ħażin ħafna. Il-balbuljata hija platt tradizzjonali Malti.

bajda b’żewġt isfra

Mhux talli ġiet okkażjoni tajba ħafna, talli ġiet oħra magħha – ħaġa rari tassew, bħal bajda li jkollha żewġt isfra (plural ta’ isfar).

kellu bagatella

Kellu oġġett li ma jiswa kważi xejn jew ammont żgħir ta’ flus. Tintuża wkoll b’mod ironiku biex infissru li bniedem għandu ħafna flus.

qisu baga

Oħxon ħafna. Baga hija oġġett ta’ għamla tonda marbut f’wiċċ il-baħar b’mażżra fil-qiegħ jew ankra biex fost oħrajn jorbot il-bċejjeċ tal-baħar.

fehem l-awtem

Fehem ir-raġuni li qed tikkawża xi ħaġa. Ngħidu wkoll wasalna fl-awtem, biex infissru li wasalna fl-aħħar ta’ xi biċċa xogħol. Il-kelma awtem ġejja mill-kelma Latina autem, li tfisser għalhekk, iżda, imma.

waqa’ l-ass

Ma sabx iżjed xi jgħid u qal dak li jgħid is-soltu biex ikun qal xi ħaġa. L-ass huwa karta tal-logħob u titfgħu meta ma jkollokx iżjed karti x’tilgħab.

għandu l-arġentuvivu fih

Dan tifel imqareb ħafna u bla kwiet; l-arġentuvivu (jiġifieri l-merkurju) jitla’ u jinżel u ma jiqafx jiċċaqlaq mal-iċken tibdil tat-temperatura.

qisu l-Arbanja

Dan il-bniedem ta’ ċertu kobor u guffaġni; ngħiduha wkoll għal xi oġġett. L-Arbanja tirreferi għal HMS Hibernia, bastiment li dam 50 sena rmiġġat ħdejn il-Forti Sant’Anġlu, u s-silwett imponenti tiegħu kien karatteristika li tiddefinixxi l-port.

ħadu bl‑appalt

Għamel xi ħaġa tiegħu u ma jridx jagħti ċans lil ħaddieħor. Appalt huwa kuntratt ta’ akkwist pubbliku.

refa’ l-ankri

Telaq minn fejn kien, bħal vapur li jerfa’ l-ankri biex joħroġ mill-port.

tefa’ l-ankri

Baqa’ fejn kien, ma ċċaqlaqx iżjed, bħal vapur li jankra fil-port.

sab l-Amerka

Tintuża spiss f’sens ironiku, peress li l-Amerka ilha li nstabet: mingħalih għamel jew qal xi ħaġa speċjali mentri fil-verità kulħadd jaf. F’sens mhux ironiku, tfisser li dak li jkun tassew ikun skopra jew qal xi ħaġa straordinarja.

affarih!

Jagħmel li jrid, m’iniex ser nindaħal.

leħaq affarih

Għamel l-affarijiet tiegħu u ma ndaħalx f’ta ħaddieħor.

L-idjomi kollha, f’post wieħed.