in-nies
Idjomi b’rabta man-nies.
qisu l-baxa
Irid lil kulħadd jaqdih u ma jiskomoda ruħu xejn. Il-baxa tfisser baxà jew paxà, it-titlu Tork ta’ fizzjal għoli.
lil dan ma sabux barra
Tingħad biex wieħed jenfasizza persuna kemm ikun iħobbha u tkun importanti għalih eż. meta omm lil bintha tgħidilha: “Mela jiena sibtek barra?” jew inkella “Jiena ma sibtekx barra!”
tah waħda tal-barklori
Fajjarlu daqqa kbira ħafna, daqslikieku kien barklor u tah daqqa bil-moqdief.
baħri int
Inti bniedem ta’ ħila, bħalma kienu jitqiesu l-baħrin fuq il-baħar.
baħri tal-bnazzi
Bniedem li jkampa biss meta ma jkunx hemm problemi, mhux tajjeb biex jegħleb l-inkwiet. Baħri juri kemm għandu ħila waqt il-maltemp.
donnu baħri fis-sakra
Qed jimxi mxengel, mhux miexi dritt.
babbu
Bniedem iblah, li ma jaf xejn u ma jifhem xejn. Ngħidu wkoll għamilha tal-babbu, meta xi jagħmel taparsi mhux qed jifhem, għax hekk jaqbillu. Babbu ġejja mit-Taljan babbeo: bniedem idjota, baħnan.
ikrah babaw
Ikrah ħafna.
babaw
Tintuża ma’ nom biex nintensifikaw dak li rridu ngħidu, eż. għamlet sħana babaw (għamlet ħafna sħana), kellha tieġ babaw (kellha tieġ sabiħ ħafna), għandhom dar babaw (għandhom dar sabiħa ħafna), eċċ.
beżżgħu bil-Babaw
Beżżgħu minn xi ħaġa li mhi xejn. Il-Babaw huwa figura mitoloġika mill-ħsieb u l-immaġinazzjoni li jbeżżgħu t-tfal biha.
donnu l-avukat Ċeċi
Irid bilfors jindaħal fejn ma jesgħux u jgħid tiegħu.
avukat
Bniedem moħħu jilħaqlu u makakk, li jagħmel bik li jrid malajr.
donnu l-argużin
Bniedem li jrid jikkmanda hu akkost ta’ kollox. L-argużin kien isawwat kemm jiflaħ lill-qaddiefa tax-xwieni biex jaħdmu.
aħwa tal-ħalib
Żewġ persuni li mhumiex aħwa iżda li kienet traddagħhom l-istess mara.
għexu bħal aħwa
Miżżewġin iżda għexu mingħajr intimità sesswali, bħal aħwa.
illaħwa!
Espressjoni ta’ stagħġib għal xi ħaġa sabiħa, kerha, eċċ.
issa aħna lkoll!
Tingħad biċ-ċajt meta jiġi xi ħadd u nagħmlu taparsi qed idejjaqna.
aħna jew m’aħniex?
Qed niftiehmu tassew jew mingħalina biss?
m’aħniex hawn
Ma jafx x’qed jiġri jew jintqal għax moħħu qiegħed xi mkien ieħor.
L-idjomi kollha, f’post wieħed.