l-elementi
Idjomi b’rabta mal-elementi.
jibża’ minnu daqs il-bard
Jibża’ minnu ħafna.
aħjar il-bard ta’ Jannar minnu
Jippreferi jbati bard kbir milli jkollu jissaporti lil xi bniedem li m’għandux pjaċir bih.
qabdu l-bard
Ħassu jibża’, xejn ma ħa pjaċir meta semmewlu xi ħaġa kerha ħafna.
bard ixoqq il-għadam
Bard kbir ħafna.
se jaqa’ bil-bard
Tingħad meta parti ta’ ġismek tkun tant kiesħa li tħossha se taqa’ eż. tħoss widnejk se jibqgħu bil-bard, tħoss idejk se jaqgħu bil-bard, eċċ.
waddab kollox il-baħar
Qata’ qalbu u ma kompliex bil-biċċa xogħol li kien qed jagħmel.
hemm baħar bejniethom
Hemm differenza kbira jew hemm ħafna bogħod bejniethom.
f’baħar wieħed qegħdin
Ninsabu kollha fl-istess sitwazzjoni.
baħar jikser
Baħar li jobrom ħafna u jkollu r-ragħwa.
għaddej il-baħar
Il-baħar imqalleb ħafna minħabba riħ qawwi.
u l-baħar bnazzi
Tingħad biċ-ċajt lil xi ħadd wara li jkun qalilna grazzi, peress li taqbel.
baħar baqta
Baħar kalm ħafna. Baqta tfisser ħalib magħqud meta jiżdiedlu t-tames, jiġifieri likwidu li jittieħed mill-istonku tal-ħrief u jitħallat mal-ħalib biex jagħqad. Minn dan il-proċess jiġi prodott il-ġobon.
baħar jibla’ l-art
Baħar ta’ qawwa kbira li jħabbat kemm jiflaħ mal-blat.
għadda minn baħar
Għadda minn ħafna inkwiet.
ara x’qala’ l-baħar!
Tingħad lil xi ħadd li nkunu ilna ħafna ma naraw jew li ma nkunux qed nistennew li naraw.
baħar żejt
Baħar kalm ħafna.
f’dan il-baħar kien jinsab
F’dan it-tip ta’ dwejjaq kien sab ruħu.
baħar ta’ …
Ħafna minn xi ħaġa eż. baħar ta’ nies, baħar ta’ inkwiet, eċċ.
baħar ix-xatt
Dak li xtaq irnexxielu jiksbu jew jilħqu.
għamlu baħar u anqas mhu għadira
Ħaseb li huwa xi bniedem importanti, imma fil-fatt ma kien xejn minn dan. Id-daqs tal-għadira ma jibdiex mad-daqs tal-baħar.
mar il-baħar
Tingħad meta oġġett ma jibqax tajjeb, jew meta bniedem jonqsu xi ħaġa drastikament (is-saħħa, is-suċċess, proġett li ma jirnexxix, eċċ.).
qam il-baħar
Inqala’ ħafna inkwiet.
kbir baħar
Kbir immens.
ħalli jħabbat il-baħar
Jiġri x’jiġri, toqgħodx tinkwieta. Ngħidu wkoll ħallih iħabbat. Meta l-baħar ikun imqalleb, iħabbat mal-vapuri, id-dgħajjes, eċċ.
hemm baħar jaqsam
Hemm differenza kbira jew hemm ħafna bogħod bejniethom.
jaqbeż il-baħar għalih
Jagħmel minn kollox għalih għax iħobbu ħafna, anke akkost li jweġġa’ hu stess.
iebes daqs l-azzar
Oġġett iebes ħafna, bħall-azzar.
mesaħ l-art bih
Waqqgħu għaċ-ċajt ħafna.
imissu jbuslu l-art fejn jimxi
Imissu jurih aktar rispett għax għamel ħafna miegħu.
qisu taħt l-art
Qed jitkellem wisq baxx u mhux jinstema’.
żamm mal-art
Ma ħariġx wisq ’il barra fil-baħar.
nieżla sal-art
Qed tagħmel ħafna xita bis-saħħa.
baqa’ l-art
Ma leħħaqx ma’ xi ħadd jew xi ħaġa; wasal tard u ma rikibx; m’għaddiex mill-eżami, mit-test, eċċ.
rifes l-art
Niżel minn fuq il-vapur, id-dgħajsa, l-ajruplan, eċċ.
kollox mill-art
Tingħad meta nitfgħu ħafna ħaxix fil-borma mingħajr ma nqattgħuh, dritt mill-art.
tarah fl-art ma tiġbrux
Tant bla valur li lanqas jekk tarah mal-art ma tiġbru.
lagħaq l-art
Kellu jċedi, kellu joqgħod għal xi ħaġa jew xi ħadd.
l-art l-oħra
Ix-xatt ta’ quddiemna.
ried xi ħaġa bl-art u l-baħar
Ried xi ħaġa bilfors u akkost ta’ kollox.
qabbadlu l-art
Urieh x’għandu jagħmel biex kollox jimxi b’mod aktar sod u kostanti, bħal meta tinżel l‑art wara li tkun mort fuq il‑baħar ‑ l‑art iżjed soda.
ma qabadx art
Ma fehem xejn, bħal meta vapur ikun mitluf fuq il-baħar u ma jaqbadx art.
qabad l-art
Kollox miexi b’mod aktar sod u kostanti, bħal meta tinżel l-art wara li tkun mort fuq il-baħar – l-art iżjed soda.
mitluf ma jarax art
Intilef minn sensih, tah sturdament qawwi jew kien fis-sakra ħafna.
xtaq l-art tibilgħu
Staħa ħafna, tant li ried jisparixxi.
art u saqaf
Faqar kbir, kif tixhed daru li ma fihiex għamara u li allura m’għadna xejn ħlief art u saqaf.
daħal bl-arja kollha
Daħal b’ħafna kundienza, mingħajr ma jibża’.
l-arja xorbitu
Qed iħossu għajjien ħafna wara li qatta’ ħafna ħin barra.
ma jarax l-arja ta’ barra
Ma joħroġx mid-dar, joqgħod il-ħin kollu ġewwa.
għandu ħafna arja
Għandu ħafna kunfidenza żejda għax jaħseb li jaf ħafna.
jgħix bl-arja
Ma jiekol xejn jew bilkemm.
għall-arja
Barra, fil-beraħ.
għandu l-arja ta’ kiesaħ
Jidher bniedem kiesaħ.
m’għandux biex jagħmel l-arja
M’għandux biex jitkessaħ, mhux f’pożizzjoni favorevoli.
marritlu l-arja
Waqaf jitkessaħ u jagħmel li jrid għax sab min jiqaflu jew inbidlu ċ-ċirkostanzi. Ngħidu wkoll spiċċatlu l-arja u neħħielu l-arja.
għamel l-arja
Qagħad jitkessaħ, mingħalih aħjar minn ħaddieħor. Ngħidu wkoll rabba l-arja u ħa l-arja.
anqas jekk tagħmillu l-ilma jiżfen
Tagħmel x’tagħmel, qatt m’inti ser tikkuntentah.
ġie mill-ajru
Ġie bla ma konna qed nistennewh.
l-ajru żamm
It-temp baqa’ tajjeb, ma tħassarx.
l-ajru ħa
Qed jinġema’ ħafna sħab fis-sema.
hemm [numru] fl-ajru
Qed nitkellmu dwar dan in-numru ta’ affarijiet.
kollox mar fl-ajru
Kollox sfaxxa fix-xejn, tlifna kollox.
l-ajru għalaq għajnu
L-ajru qed jikrieh u jidher li ġej il-maltemp, ix-xita, eċċ.
l-ajru fetaħ għajnu
L-ajru bbnazza wara perjodu ta’ xita, maltemp, eċċ.
ajru mherri
Ajru ħażin ħafna, b’maltemp li jdum ma jgħaddi.
tela’ l-ajru
Qed jidher ħafna sħab griż tax-xita.
jgħix fl-ajru
Bniedem distratt u moħħu mhux hemm, li m’għandux idea x’inhu jiġri.
ħalla kollox fl-ajru
Ħalla biċċa xogħol fin-nofs u ma spiċċahiex.
L-idjomi kollha, f’post wieħed.