il-flora u l-fawna
Idjomi b’rabta mal-annimali u l-pjanti.
sajjem daqs bebbuxu
Mingħajr ħjiel dwar dak li ġara.
ingħalaq bħall-bebbuxu
Ingħalaq fih innifsu u ma weriex l-emozzjonijiet tiegħu.
daħal f’basla
Daħal f’biċċa inkwiet.
basla
Bniedem injorant, ma jridx jitgħallem.
daħal bejn il-basla u qoxritha
Tingħad għal min jindaħal fejn ma jesgħux, għax bejn il-basla u qoxritha m’hemmx spazju.
jiflaħ daqs barri
Għandu ħafna saħħa.
jonfoħ qisu barri
Jonfoħ ħafna u bil-goff.
donnu bajtra
Bniedem li xejn mhu fuq tiegħu, artab, ma jħaffifx fix-xogħol.
dak bajtra misjura
Dak issa xjaħ u ma jiflaħx jgħaġġel daqs qabel, jew bniedem ikun minnu jagħmel kollox bil-lajma.
stenna l-bajtra taqa’ f’ħalqu
Qagħad jistenna li x-xogħol isir waħdu flok għamlu hu, qagħad jistenna li tiġih okkażjoni tajba flok mar u fittixha minn jeddu.
tal-bajda ħa tiġieġa
Ta’ xi ħaġa żgħira ħa xi ħaġa oħra kbira, qabillu sew, mar minn fuq.
bajd u beċċun
Mara li jkollha tarbija u terġa’ tinqabad tqila ftit wara, ripetutament. Fil-bejta, normalment l-għasfura jew ikollha l-bajd jew ikollha l-bċieċen.
donnu l-bagħal tal-kummissarjat
Bniedem li l-ħin kollu jqabbduh jagħmel xi biċċa xogħol, waħda wara l-oħra.
mela dak xi bagħal?
Dak bniedem ukoll, ma tistax tonqsu mir-rispett.
żiemel awtur
Żiemel li aħjar minnu ma ssibx. Tintuża wkoll għal bhejjem oħra, bħall-baqra, eċċ.
qisu aringa
Irqiq ħafna. L-aringa hija speċi ta’ ħuta żgħira u rqiqa.
ħmar jitla’ l-arblu
Dak li qed tgħid huwa impossibbli.
jgħix ħajja ta’ annimal
Mhux qed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.
anqas annimal ma trid tara
Anqas annimal ma trid tara jbati, aħseb u ara bniedem.
bħal kelb imsawwat
Persuna li tkun qed tibża’ li jiġrilha xi ħaġa.
qisu kelb ħafi
Persuna li tħuf ‘l hemm u ‘l hawn.
qishom kelb u qattus
Tnejn li dejjem jiġġieldu, ma jinħamlux.
kelb għalih innifsu
Jagħmel ħsara lilu nnifsu.
kelb
Persuna kattiva, azzjonitha ħażina.
jiżloq daqs bużullieqa
Jiżloq ħafna. Il-bużullieqa hija tip ta’ ħuta.
bużullieqa
Persuna li mhix kapaċi tagħti kelma u żżommha. Il-bużullieqa hija tip ta’ ħuta.
jorqod daqs bumerin
Jorqod ħafna u fil-fond. Il-bumerin huwa foka tal-ispeċi Monachus monachus.
wara li ħrat il-baqra
Wara li kien tard wisq.
donnu bakkaljawa
Persuna rqiqa ħafna.
qisu bagħla rieqda
Persuna li qatt ma tgħid xejn, anke wara xi azzjoni ħażina.
jaħdem daqs bagħal
Jaħdem ħafna.
għajnejn ta’ baqra
Għajnejn kbar u ċassi.
għajnejn il-mogħża
Għajnejn b’ħafna kuluri.
għajnejn ta’ bażilisk
Għajnejn kbar, koroh u tal-biża’ bħal tal-bażilisk, li huwa figura mitoloġika u folkloristika.
għajnejn il-ġurdien
Għajnejn żgħar immens.
kielhom il-ġurdien
Għandu xi snien neqsin, ġeneralment ngħiduha lit-tfal.
ħażin daqs ġurdien xiħ
Moħħu jilħaqlu, makakk.
ġurdien xiħ
Moħħu jilħaqlu, makakk.
L-idjomi kollha, f’post wieħed.