idjoma.mt għadu qed jinbena

idjoma.mt

idjomi Maltin

kategorija

il-karattru

bodbod

Bniedem li ma jimpurtah minn xejn, li ma jinteressahx minn ħaddieħor jew selvaġġ / bla manjieri. Il-bodbod huwa r-raġel tal-mogħża.

qalil daqs Blis

Bniedem qalil ħafna. Blis hija referenza għal isem ix-xitan fir-reliġjon Musulmana, kif jissejjaħ fil-Koran.

bin il-barr

Bniedem bla manjieri, selvaġġ, li m’għandux min-nies. Il-barr huma ambjent xagħri, tad-deżert.

bin ommu, missieru

Ħareġ jixbah ħafna lil ommu jew lil missieru, mill-fattizzi jew mill-karattru.

biha

Għandu xi ħaġa, ġeneralment burdata tan-nervi jew taċ-ċajt; fis-sakra.

dak bhima

Dak bniedem li ma jġib ruħu ħażin ma’ ħaddieħor; dak bniedem bla manjieri.

berrina

Bniedem li jħobb ixewwex u jagħwi kontra dak u l-ieħor. Il‑berrina hija għodda għat‑titqib u għandha rabta mal‑verb berren.

għaddieh berrina

Immanipulah, għadda ż-żmien bih mingħajr ma induna. Il-berrina hija għodda għat-titqib u għandha rabta mal-verb berren.

donnu bekkamort

Liebes l-iswed minn rasu sa saqajh; bniedem jidher kemxejn stramb. Bekkamort huwa dak li jipprepara ġisem il-mejjet għad-difna.

beċċun

Bniedem li jemmen kollox u li kulħadd jagħmel li jrid bih.

bastun

Bniedem li tista’ tafdah, li tista’ toqgħod fuqu.

bassa

Bniedem li jrid jindaħal u jiddeffes f’kollox.

basla

Bniedem injorant, ma jridx jitgħallem.

qisu bandiera

Bniedem li l-ħin kollu jbiddel fehmtu jew ħsibijietu.

donnu bajtra

Bniedem li xejn mhu fuq tiegħu, artab, ma jħaffifx fix-xogħol.

dak bajtra misjura

Dak issa xjaħ u ma jiflaħx jgħaġġel daqs qabel, jew bniedem ikun minnu jagħmel kollox bil-lajma.

baħri int

Inti bniedem ta’ ħila, bħalma kienu jitqiesu l-baħrin fuq il-baħar.

babbu

Bniedem iblah, li ma jaf xejn u ma jifhem xejn. Ngħidu wkoll għamilha tal-babbu, meta xi jagħmel taparsi mhux qed jifhem, għax hekk jaqbillu. Babbu ġejja mit-Taljan babbeo: bniedem idjota, baħnan.

babaw

Tintuża ma’ nom biex nintensifikaw dak li rridu ngħidu, eż. għamlet sħana babaw (għamlet ħafna sħana), kellha tieġ babaw (kellha tieġ sabiħ ħafna), għandhom dar babaw (għandhom dar sabiħa ħafna), eċċ.

avukat

Bniedem moħħu jilħaqlu u makakk, li jagħmel bik li jrid malajr.

donnu l-argużin

Bniedem li jrid jikkmanda hu akkost ta’ kollox. L-argużin kien isawwat kemm jiflaħ lill-qaddiefa tax-xwieni biex jaħdmu.

għandu l-arġentuvivu fih

Dan tifel imqareb ħafna u bla kwiet; l-arġentuvivu (jiġifieri l-merkurju) jitla’ u jinżel u ma jiqafx jiċċaqlaq mal-iċken tibdil tat-temperatura.

m’hemmx aqqal minnu

M’hemmx bniedem ta’ intern ħażin aktar minnu. Aqqal hija taħsira tal-aġġettiv komparattiv eqlel jew aqall, minn qalil.

jaqta’ ammozz

Ma jaħsibhiex qabel jgħid jew jagħmel xi ħaġa, bl-addoċċ. Tintuża wkoll meta wieħed iħallas inqas flus għax-xiri bl-ingrossa.

m’aħniex

L-ewwel tifsira hija li dak il-bniedem miġnun, iġib ruħu stramb jew qed jiżmaga. It-tieni tifsira hija li dan l-oġġett ħażin jew m’għadux tajjeb.

għajnejh ikbar minn żaqqu

Ħa iżjed minn kemm tassew kapaċi jiekol. B'mod aktar ġenerali, ngħiduha wkoll għal min irid iżjed milli diġà għandu.

aħdar

Bniedem kattiv, qalbu ħażina.

għamlu Alla tiegħu

Ngħiduha għal min jaħseb li dak kollu li jagħmel u jgħid xi ħadd huwa tajjeb, qisu Alla.

għad Alla jrid joħloq

Ngħiduha għal min ikun antipatku, pessmu, kattiv jew ikollu karattru li ma jogħġobniex.

L-idjomi kollha, f’post wieħed.