L-affarijiet
Idjomi b’rabta ma’ oġġetti, kunċetti u ideat.
bil-bijambò
Kellu ħafna nervi; bil-buri; bil-geddum. Il-bijambò (mill-Ispanjol birimbao) huwa strument żgħir tal-ħalq li jagħmel ħoss qisu ta’ tnewwih, u jindaqq billi jinżamm max-xufftejn bejn is-swaba’, waqt li b’saba’ wieħed jintgħafas il-fildiferru li jkun imwaħħal ma’ qaws…
għala biebu
Ma jimpurtahx.
bieb u għatba
Viċin ħafna ta’ xulxin.
wara l-bieb
Dalwaqt; ma jdumx ma jasal.
bieb miftuħ
Merħba b’kulħadd; kulħadd jista’ jmur għandu.
donnu biċċa għaġina
Bniedem li xejn mhu fuq tiegħu, artab, ma jħaffifx fix‑xogħol.
mhix biċċa tiegħu
Din il-kwistjoni mhix affari tiegħu, m’għandux għalfejn jindaħal fiha jew ikun jaf fuqha.
hekk u biċċa, imma…
Tingħad meta dak li jkun ikun qed jaqbel ma’ xi ħadd, iżda jkun hemm element ieħor li jixtieq iżid.
ibigħ bil-biċċa
Ibigħ kwantitajiet żgħar ta’ xi ħaġa, mhux bħal ngħidu aħna bl-ingrossa.
x’kull biċċa tnejn!
Tingħad bħala espressjoni ta’ stagħġib għal xi ħaġa li ma konniex qed nistennew.
għaqad il-bezzun
It-taħwid jew l-inkwiet issa żdied sew.
għal beżqa u xagħra
Tingħad mit-tfal meta jpartu żewġ affarijiet bil-ftehim li ħadd ma jitlob lura dak li jkun partat.
donnu bettija
Bniedem oħxon ħafna jew żaqqu kbira. Il-bettija hija kontenitur kbir ħafna tal-inbid.
ma jitlifx berrittu fil-folla
Jaf biżżejjed x’għandu jagħmel; għandu direzzjoni.
berrina
Bniedem li jħobb ixewwex u jagħwi kontra dak u l-ieħor. Il‑berrina hija għodda għat‑titqib u għandha rabta mal‑verb berren.
għaddieh berrina
Immanipulah, għadda ż-żmien bih mingħajr ma induna. Il-berrina hija għodda għat-titqib u għandha rabta mal-verb berren.
ħwejġu jibku fuqu
Ħwejġu ma jiġuhx sew, mhux pulit bihom.
ⁱmħallta l-bejgħa
Tingħad meta bniedem ikollu dubju dwar kif għandu jevalwa s-sitwazzjoni (tajjeb jew ħażin) meta jkun hemm varjetà ta’ elementi.
sar bażina
L-ikel (l-aktar l-għaġin) sar tgħaffiġa jew tgħassida, qisu bżieq.
batterija baxxa
Bla enerġija, bla ħeġġa.
x’batterija għandu!
Għandu xedaq snien ġmielu!
bastun
Bniedem li tista’ tafdah, li tista’ toqgħod fuqu.
bassa
Bniedem li jrid jindaħal u jiddeffes f’kollox.
barmil tax-xaħam
Bniedem oħxon ħafna.
ta’ barra minn hawn u seba’ ħarat
Tingħad għal xi ħaġa li tkun tibża’ biża’ kbir minnha eż. Għal Toni l-idea li jmut hija ta’ barra minn hawn u seba’ ħarat. Ħarat huwa l-plural ta’ ħara, li tfisser viċinat.
tari baqta
Tari ħafna. Baqta tfisser ħalib magħqud meta jiżdiedlu t‑tames, jiġifieri likwidu li jittieħed mill‑istonku tal‑ħrief u jitħallat mal‑ħalib biex jagħqad. Minn dan il‑proċess jiġi prodott il‑ġobon.
ħasbu l-bank Ingliż
Ħasbu li għandu xi ħafna flus.
weħel mal-bank
Tingħad meta tifel jew tifla tagħmel taħtha l-iskola.
bank il-għażż
Bniedem għażżien, ma jrid jagħmel xejn.
qagħad bank
Dak li waqt xi logħba jieħu ħsieb tal-flus eż. waqt Monopoly.
ħa banju Tork
Ħariġlu ħafna għaraq u sar għasra.
sħun banju
Sħun sal-livell it-tajjeb, la sħun wisq u lanqas kiesaħ wisq.
daqqlu l-bandu
Mar ixandru ma’ kulħadd, mar jgħid bih man-nies.
ħwejġu bandiera
Liebes ħwejjeġ qodma, mqattgħin, mhux ta’ quddiem in-nies.
qisu bandiera
Bniedem li l-ħin kollu jbiddel fehmtu jew ħsibijietu.
bil-bandiera
Tingħad għal min ikun fuq quddiem qed imexxi xi grupp ta’ nies.
dak bandiera bajda
Bniedem newtrali, li ma jżomm ma’ ħadd.
ħassu balzmu
Ħass xi ħaġa tagħmillu ħafna ġid, daqslikieku balzmu.
għamlu ballun taċ-ċarruta
Għadda ż-żmien bih.
bil-ballu
Tingħad lil min jgħidilna li jrid jagħmel xi ħaġa biex inwissuh li diffiċli ħafna jagħmilha.
ħareġ jiġri daqs balla
Ħareġ jiġri b’kemm kellu saħħa.
mimli sal-balla
Mimli ħafna u jiflaħx iżjed.
mimli daqs balla
Mimli ħafna u jiflaħx iżjed.
il-balla waqgħet fuqu
Waħħlu fih, qalu li t-tort tiegħu.
iridha daqs balla (ta’ kanun)
Iridha ħafna, akkost ta’ kollox.
għamel balbuljata
Għamel tgħaffiġa sħiħa, gerfex kollox, mar ħażin ħafna. Il-balbuljata hija platt tradizzjonali Malti.
bajda b’żewġt isfra
Mhux talli ġiet okkażjoni tajba ħafna, talli ġiet oħra magħha – ħaġa rari tassew, bħal bajda li jkollha żewġt isfra (plural ta’ isfar).
għandu fejn jaqli bajda
Għandu widnejh kbar ħafna, bħallikieku taġnijiet.
fejn qlejna bajda naqlu tnejn
La qiegħed f’nofs biċċa xogħol, agħmel l-aħjar użu minnha.
jekk għandu xi bajda ħoxna ħa jbidha
Jekk għandu xi jgħid fuq xi ħaġa li qed iddejqu, ħallih ħa jgħidha.
mimli daqs bajda
Mimli ħafna.
għamilha bil-bajd u l-ġobon
Għamel biċċa xogħol eċċellenti, kompluta.
donnu miexi fuq il-bajd
Miexi bil-mod ħafna.
trid tiekol bajd u ġobon
Trid taħdem ħafna biex tasal fejn tixtieq.
donnu bagoll
Bniedem ta’ statura goffa.
tah bagatella
Tah xi ħaġa żgħira tal-flus.
kellu bagatella
Kellu oġġett li ma jiswa kważi xejn jew ammont żgħir ta’ flus. Tintuża wkoll b’mod ironiku biex infissru li bniedem għandu ħafna flus.
qisu baga
Oħxon ħafna. Baga hija oġġett ta’ għamla tonda marbut f’wiċċ il-baħar b’mażżra fil-qiegħ jew ankra biex fost oħrajn jorbot il-bċejjeċ tal-baħar.
fehem l-awtem
Fehem ir-raġuni li qed tikkawża xi ħaġa. Ngħidu wkoll wasalna fl-awtem, biex infissru li wasalna fl-aħħar ta’ xi biċċa xogħol. Il-kelma awtem ġejja mill-kelma Latina autem, li tfisser għalhekk, iżda, imma.
waqa’ l-ass
Ma sabx iżjed xi jgħid u qal dak li jgħid is-soltu biex ikun qal xi ħaġa. L-ass huwa karta tal-logħob u titfgħu meta ma jkollokx iżjed karti x’tilgħab.
ċeda, reħa l-armi
Qata’ qalbu minn xi ħaġa u ma kompliex jagħmilha.
għandu l-arġentuvivu fih
Dan tifel imqareb ħafna u bla kwiet; l-arġentuvivu (jiġifieri l-merkurju) jitla’ u jinżel u ma jiqafx jiċċaqlaq mal-iċken tibdil tat-temperatura.
qisu l-arblu ta’ Mejju
Twil ħafna.
qisu l-Arbanja
Dan il-bniedem ta’ ċertu kobor u guffaġni; ngħiduha wkoll għal xi oġġett. L-Arbanja tirreferi għal HMS Hibernia, bastiment li dam 50 sena rmiġġat ħdejn il-Forti Sant’Anġlu, u s-silwett imponenti tiegħu kien karatteristika li tiddefinixxi l-port.
ħadu bl‑appalt
Għamel xi ħaġa tiegħu u ma jridx jagħti ċans lil ħaddieħor. Appalt huwa kuntratt ta’ akkwist pubbliku.
donnu se jaqta’ l-ankri
Qed jagħmel ħafna għaġeb.
refa’ l-ankri
Telaq minn fejn kien, bħal vapur li jerfa’ l-ankri biex joħroġ mill-port.
tefa’ l-ankri
Baqa’ fejn kien, ma ċċaqlaqx iżjed, bħal vapur li jankra fil-port.
sab l-Amerka
Tintuża spiss f’sens ironiku, peress li l-Amerka ilha li nstabet: mingħalih għamel jew qal xi ħaġa speċjali mentri fil-verità kulħadd jaf. F’sens mhux ironiku, tfisser li dak li jkun tassew ikun skopra jew qal xi ħaġa straordinarja.
mill-aħrax tal-Mellieħa
Bniedem bi mġiba maledukata.
jafhom l-affarijiet tiegħu
Qed iġib ruħu hekk għax jaf xi jrid jagħmel.
għamel affari
Għamel biċċa negozju tajba ħafna.
mar għall-affari tiegħu
Mar jagħmel l-affarijiet tiegħu u ma tax kas ta’ ħaddieħor.
affarih!
Jagħmel li jrid, m’iniex ser nindaħal.
leħaq affarih
Għamel l-affarijiet tiegħu u ma ndaħalx f’ta ħaddieħor.
tal-affari tiegħu
Bniedem serju u bil-għaqal.
mill-a saż-żeta
Mill-bidu sal-aħħar.
L-idjomi kollha, f’post wieħed.