Ħadd ma jaf; għadd kbir tant li ma tistax timmaġina kemm.
Alla jbierku
Ngħiduha meta nisimgħu xi ħaġa tajba fuq xi ħadd.
jekk Alla jislifni l-għomor
Jekk inkun għadni ħaj.
Alla jgħammarkom
Ngħiduha lil koppja li għadha tiżżewweġ biex nixtiqulhom it-tfal.
Alla laqqagħhom
Alla ried li jiltaqgħu għax jaqblu ħafna. Tintuża wkoll ironikament.
sar xitan
Irrabja ħafna.
Alla jista’ kollox
Ngħiduha meta nieħdu pjaċir li xi ħaġa tkun ġrat jew ma ġratx.
Alla nsieh
Ngħiduha għal bniedem twil ħafna.
mhux imnalla
Dak li xtaqna li jsir ma kienx rieda t'Alla, u ma sarx.
anġlu bellu
Ngħiduha għal xi tifel żgħir u gustuż, b'referenza għat-taqbila Maltija.
mar quddiem Alla
Miet.
anqas Alla ma jrid
Ngħiduha għal xi ħaġa ħażina li m'għandhiex tkun.
allaħares
Oriġinarjament Alla jħares. Ngħiduha meta nkunu nixtiequ li dak li qed nitkellmu fuqu ma jseħħ qatt.
jaf fejn ibejjet ix-xitan
Jaf il-ħażin kollu ta' kulħadd, l-għajdut kollu.
jagħmel Alla
Nafdaw f'Alla biex meta ma nkunu nistgħu nagħmlu xejn iżjed, jieħu ħsieb Hu.
ix-xitan ma jaħmilx
Ngħiduha meta l-affarijiet ma jibdewx sejrin kif nixtiequ.
Alla jiftaħlek
Ngħiduha lil min ikun f'xi sitwazzjoni diffiċli, bit-tama li Alla jgħinu joħroġ minnha.
Alla bagħtek
Ngħiduha meta jinzerta jiġi xi ħadd li jkun jista' jgħinna fil-pront.
f’ħajjet Alla
Ngħiduha meta nkunu kuntenti li tkun ġrat jew ma tkunx ġrat xi ħaġa.
Alla ġabru
Miet, jew inkella kien fid-direzzjoni l-ħażina u rranġa.
għamlu Alla tiegħu
Ngħiduha għal min jaħseb li dak kollu li jagħmel u jgħid xi ħadd huwa tajjeb, qisu Alla.