idjoma.mt għadu qed jinbena

idjoma.mt

idjomi Maltin

il-ġisem

Idjomi b’rabta mal-partijiet tal-ġisem.

waqa’ biċċiet

Kellu wġigħ kbir ħafna f’xi parti ta’ ġismu eż. ħass rasu se taqa’ biċċiet, ħass widnejh se jaqgħu biċċiet, eċċ.

biċċa bniedem

Tingħad b’disprezz għal dak li jkun eż. biċċa kuntrattur, biċċa żeffiena, eċċ.

biċċa ta’ bniedem

Raġel, mara, tifel jew tifla sabiħa u f’saħħitha eż. Fih biċċa ta’ raġel! X’biċċa ta’ tifla dik!

anqas li gidem beżżul ommu

Bniedem sfortunat, li ma tiġih qatt waħda tajba. Il‑beżżula hija l‑parti ppuntata tas‑sider, minn fejn terda’ l‑ħalib it‑tarbija.

beżżul

Bniedem sfortunat, li ma tiġih qatt waħda tajba. Il-beżżula hija l-parti ppuntata tas-sider, minn fejn terda’ l-ħalib it-tarbija.

qisu betbut

Bniedem li jitkellem jgħajjat u minn imnieħru. Il-betbut huwa strument mużikali Malti u jagħmel ħoss bħal dak ta’ papra (fil-fatt, il-papra tbatbat).

fetaħ xi mkien beraħ

Qasam xi parti ta’ ġismu b’mod serju eż. fetaħ rasu beraħ, fetaħ idu beraħ, eċċ.

bażwi

Li jkun ħażin ħafna eż. xogħol bażwi, idea bażwija, għira bażwija, eċċ.

donnu bażwi

Bniedem li ma jrid jagħmel sforz fiżiku ta’ xejn.

snienu bandla

Snienu waslu biex jaqgħu għax qed jiċċaqilqu ħafna.

bil-baffi

Oġġett sabiħ ħafna jew ta’ kwalità eċċellenti.

għajnejk f’għajni

Tingħad meta nħossu li xi ħadd qed jgħajjinna, biex inbiegħdu l-għajn ħażina.

qralu f’għajnejh

Mill-ħarsa t’għajnejh induna x’kien qed jaħseb jew x’kien qed iħoss.

tah għajnejh

Tah dak kollu li seta’; għamel minn kollox għalih.

għajnejh ikbar minn żaqqu

Ħa iżjed minn kemm tassew kapaċi jiekol. B’mod aktar ġenerali, ngħiduha wkoll għal min irid iżjed milli diġà għandu.

L-idjomi kollha, f’post wieħed.