rah xitan

Irrabjah talli fixklu milli ried jagħmel.

ix-xitan u s-salib

Ngħiduha għal tnejn li ma jiftiehmu qatt u l-ħin kollu jiġġieldu.

anġlu bellu

Ngħiduha għal xi tifel żgħir u gustuż, b'referenza għat-taqbila Maltija.

Alla jħallsu

Ngħiduha għal min jagħmel azzjoni ħażina; nittamaw li jieħu l-kastig li ħaqqu.

għax Alla ħanin

Ngħiduha għal min ikun ħelisha minn ħalq il-mewt jew evita xi diżgrazzja.

Alla biss jaf

Ħadd ma jaf; għadd kbir tant li ma tistax timmaġina kemm.

kif Alla jridni

Ngħiduha bi tweġiba lil min jistaqsina kif aħna, u ma nkunux qegħdin sew. Ngħidu wkoll "kif Alla jridek" lil xi ħadd biex niċċajtaw miegħu f'xi sitwazzjoni tad-daħq.

Alla laqqagħhom

Alla ried li jiltaqgħu għax jaqblu ħafna. Tintuża wkoll ironikament.

Alla jgħammarkom

Ngħiduha lil koppja li għadha tiżżewweġ biex nixtiqulhom it-tfal.

Alla jagħtih is-saħħa

Ngħiduha b'ringrazzjament lil xi ħadd li jkun għamlilna l-ġid, jew b'mod sarkastiku meta jkun għamlilna d-deni.

Alla laħqu

Ngħiduha għal xi ħadd li jiġrilu l-ħażin wara li jkun għamel xi azzjoni ħażina.

f’ħajjet Alla

Ngħiduha meta nkunu kuntenti li tkun ġrat jew ma tkunx ġrat xi ħaġa.

f’ġieħ Alla

Ngħiduha lil xi ħadd biex nenfasizzaw li nixtiquh jagħmel jew ma jagħmilx xi ħaġa, biex iweġġaħ lil Alla.

Alla jiftaħlek

Ngħiduha lil min ikun f'xi sitwazzjoni diffiċli, bit-tama li Alla jgħinu joħroġ minnha.

mhux imnalla

Dak li xtaqna li jsir ma kienx rieda t'Alla, u ma sarx.

Alla jgħinek

Ngħiduha lil xi ħadd meta ma nkunux irridu ngħinuh.

għamlu Alla tiegħu

Ngħiduha għal min jaħseb li dak kollu li jagħmel u jgħid xi ħadd huwa tajjeb, qisu Alla.

Alla jaħfirlu

Ngħiduha meta nsemmu lil xi ħadd li jkun mejjet, biex Alla jaħfirlu dnubietu.

imbierek Alla

Ngħiduha meta nisimgħu jew naraw xi ħaġa sabiħa.

Alla jbierku

Ngħiduha meta nisimgħu xi ħaġa tajba fuq xi ħadd.

Alla bagħtek

Ngħiduha meta jinzerta jiġi xi ħadd li jkun jista' jgħinna fil-pront.

Alla ħabbu

Ngħiduha għal minn ikun ħelisha minn ħalq il-mewt jew evita xi diżgrazzja.

Alla ġabru

Miet, jew inkella kien fid-direzzjoni l-ħażina u rranġa.

jalla l-ġid

Ngħiduha biex nuru li aħna kuntenti b'xi ħaġa tajba li tkun ġrat. Ortografija aġġornata minn j'Alla bid-Deċiżjonijiet 1 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

għad Alla jrid joħloq

Ngħiduha għal min ikun antipatku, pessmu, kattiv jew ikollu karattru li ma jogħġobniex.

jagħmel Alla

Nafdaw f'Alla biex meta ma nkunu nistgħu nagħmlu xejn iżjed, jieħu ħsieb Hu.

għal Alla din

Ngħiduha meta tiġrilna xi ħaġa ħażina u naċċettawha bi mħabba għal Alla.

allaħares

Oriġinarjament Alla jħares. Ngħiduha meta nkunu nixtiequ li dak li qed nitkellmu fuqu ma jseħħ qatt.

Alla jbierek

Espressjoni ta' stagħġib għal xi ħaġa li togħġobna. Tintuża wkoll b'mod sarkastiku.

jalla

Ngħiduha meta xi ħadd jittama li l-affarijiet imorru kif ikun jixtieq. Ortografija aġġornata minn j'Alla bid-Deċiżjonijiet 1 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

mnalla

Li kellu jiġri ġara għax Alla hekk ried. Ortografija aġġornata minn (i)mn'Alla bid-Deċiżjonijiet 1 tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

minnek ’l Alla

Nafdaw f'Alla biex jieħu ħsieb iħares lil dak li jkun meta aħna ma nkunux nistgħu.